The Speech by Prime Minister Lawrence Gonzi during the official inauguration
at
For those who could not be with us this morning we are re-producing the speech (in Maltese) by the Hon. Dr Lawrence Gonzi, Prime Minister of Malta.
Onorevoli Ministri
Mistiedna distinti
Sinjuri
Huwa b’sens ta’ sodisfazzjon u kburija nazzjonali li qiegħed hawn dalgħodu magħkom biex ninawguraw The Heart of Gozo – il-Ħaġar.
Din hi attività kulturali, artistika, edukattiva u ekonomika.
Ċelebrazzjoni ta’ investiment ieħor ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u tad-deċiżjoni t-tajba li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Hi wkoll ċelebrazzjoni ta’ investiment ieħor fi proġett li jirrendi għal pajjiżna – proġett li joffri vetrina tal-identità ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna.
Dan il-proġett jixhed ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-valur tal-volontarjat f’pajjiżna. Ix-xogħol, id-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-Fondazzjoni Belt Victoria fit-twettiq ta’ dan il-proġett għandha l-apprezzament tiegħi u tal-Gvern immexxi minni kif ukoll tal-poplu Malti u Għawdxi.
Sinjuri
Kull pajjiż għandu identità nazzjonali li evolviet tul is-sekli u li ġiet magħġuna minn numru ta’ fatturi inkluż ir-reliġjon kif ukoll il-ħakkiema differenti. L-evoluzzjoni ta’ din l-identità tibqa’ dokumentata fl-arkitettura, fl-arti u fil-lingwa fost l-oħrajn.
F’pajjiżna, il-ħaġar u l-ġebel jibqgħu dokument oriġinali tal-iżvilupp tal-identità tagħna u tal-istorja tal-poplu tagħna. Jekk induru dawra mal-wirt storiku ta’ pajjiżna nsibu li l-poplu Malti tul is-sekli ikkoltiva u ddokumenta d-dimensjoni spiritwali tiegħu fix-xogħol tal-ġebla. Mill-eqdem tempji tal-ġebel inkluż il-Ġgantija, sa kappelli qalb ir-raba sa knejjes fil-qalba tal-bliet u rħula.
L-arkitettura ta’ pajjiżna; ta’ kull forma, epoka u stil; hi arkitettura li tiddokumenta l-identità ta’ poplu ħabrieki, produttiv u kreattiv. Arkitettura li żżewqet b’tant oġġetti oħra tal-arti fosthom pitturi, fided u oġġetti sagri oħra.
Tul is-sekli, il-poplu Malti u Għawdxi kkoltiva r-rabta bejn it-twemmin tagħhom u l-esperjenza tagħhom fix-xogħol tal-ġebel u fl-arti u tant snajja’ oħra.
Dan il-Mużew joffri vetrina fuq dan il-patrimonju u wirt storiku li aħna tant kburin bih.
Sinjuri
Il-ħarsien tal-identità tagħna, waqt li hu diskors ta’ natura kulturali, għandu wkoll aspett importanti ekonomiku. It-turiżmu huwa għalina lkoll investiment fil-wirt kulturali, bħalma l-wirt kulturali hu l-isbaħ vetrina li għandna x’noffru lit-turisti minn kull naħa tad-dinja. Il-kura tal-imgħoddi tagħna hu għalhekk għaqal favur il-futur tagħna u ta’ dawk li ġejjin warajna. Huwa wkoll investiment fl-ekonomija tagħna fil-preżent, b’investiment privat u tal-Gvern li qed jittraduċi ruħu fil-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol.
Għalhekk l-impenn tal-Gvern favur il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Tul dawn l-aħħar ħames snin, Gvern immexxi minni investa aktar minn ħamsa u sebgħin miljun ewro fil-patrimonju storiku. Fost il-proġetti nsibu l-proġett tar-restawr tas-swar ta’ pajjiżna inkluż taċ-Ċittadella, it-tined protettivi u ċ-ċentru għall-viżitaturi f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra u r-restawr fit-Tempji tal-Ġgantija. Beda wkoll ir-restawr tal-Forti Sant’Anġlu u Sant’Iermu. Se jinbeda wkoll il-proġett ta’ ċentru għall-viżitaturi fiċ-Ċittadella. Dan minbarra tant proġetti oħra li qed jagħmlu tant Kunsilli Lokali inkluż dak tal-Belt Victoria.
Proġetti li mhux biss se jtejbu l-prodott li joffri pajjiżna bħala proposta kulturali lid-dinja imma huma wkoll proġetti li qed joħolqu mijiet ta’ positijiet tax-xogħol. Grazzi għal dan u tant inizjattivi oħra, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea u hekk biss stajna noħolqu aktar minn 20,000 post tax-xogħol.
Sinjuri,
Ħafna minn dawn il-proġetti huma wkoll frott ta’ deċiżjoni għaqlija li ħadna bħala pajjiż bi sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-proġetti ta’ restawr u riġenerazzjoni kulturali, jingħaqdu mal-benefiċċji kollha l-oħra tal-fondi Ewropej li qed jagħmlu tant differenza fil-ħajja tagħna lkoll mit-toroq, sal-investiment fis-saħħa, fl-isptarijiet speċjalment dak ta’ Għawdex u fl-edukazzjoni u t-taħriġ bi programmi biex żgħażagħ jitħarrġu u jsibu x-xogħol. Dawn il-fondi u l-benefiċċji li ksibna huma frott tal-viżjoni u tal-ħidma tal-Gvern.
Intom ilkoll li qed taraw it-tibdil li ġabu magħhom dawn il-fondi, speċjalment fil-gżira Għawdxija, tapprezzaw l-importanza u l-ħidma bla waqfien tal-Gvern biex ksibna elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro għas-seba’ snin li ġejjin. Kienu negozjati ibsin però rnexxielna nakkwistaw pakkett ta’ fondi li se jkomplu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Issa rridu naħdmu bil-għaqal dwar kif se ninvestu dawn il-fondi f’pajjiżna biex noħolqu aktar impjiegi, ninvestu aktar fis-saħħa u fl-edukazzjoni, ngħinu bi skemi setturi differenti fosthom sidien ta’ negozji żgħar u medji, bdiewa, raħħala u sajjieda, inkomplu ntejbu l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, speċjalment f’Għawdex. Iva, il-Gvern determinat li jinvesti aktar minn mija u għaxar miljun ewro f’Għawdex biss.
Permezz tal-użu għaqli u responsabbli ta’ dawn il-fondi, flimkien ma’ tant miżuri u proġetti oħra se nkomplu noħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ tagħna.
Sinjuri
Aħna nibqgħu nazzjon b’identità u poplu kburi bi ġrajjietu.
Konvint li dan hu proġett li jsib l-apprezzament tagħna lkoll għax jesponi b’mod uniku l-evoluzzjoni ta’ din l-identità tagħna.
Għalhekk nirringrazzja u nfaħħar lill-Fondazzjoni Belt Victoria ta’ dan l-investimenti sabiex jgħinna nagħrfu dejjem aktar aħna min aħna u li jesponi dan il-wirt u l-identità lit-turist barrani.
Grazzi.