Welcome Address by Antoine Vassallo, Chairman Fondazzjoni Belt Victoria

at

For the benefit of those who could not make it yesterday morning we are re-producing the welcome address (in Maltese) by Mr Antoine Vassallo, Chairman of Fondazzjoni Belt Victoria.

Onorevoli Prim Ministru,

Eċċellenza Reverendissma,

Sur Sindku tal-Belt Victoria,

Onorevoli Sinjuri,

W.Rev. Arċipriet u Membri tal-Kapitlu,

Reverendi Sinjuri,

Sinjuri Benefatturi,

Membri u ħbieb

Sa min żgħoriti kont nisma’ bil-bżonn ta’ mużew “ta’ San Ġorġ” li jħares u jivvalorizza t-teżori frott l-għaraq ta’ niesna.  Taħt l-Arċiprieti Mercieca u Borg rajt l-ewwel passi lejn it-twettiq ta’ din it-tama.  L-Arċipriet Farrugia ġabar madwaru persuni lesti jagħtu sehemhom b’entużjażmu.

 Twaqqfet il-Fondazzjoni Belt Victoria bi skop prinċipali li, f’awtonomija meħtieġa iżda sintendi f’kollaborazzjoni reċiproka mal-parroċċa, f’qafas ta’ ħidma kulturali varja ta’ livell, twassal għar-realizzazjoni ta’ din il-ħolma.

 Il-Fondazzjoni mill-bidu tgħammret b’voluntiera li b’dil-mira joffru ħila u ħeġġa, ħin u sengħa, senz’interessi, anzi ta’ spiss bi flushom stess.

 F’dawn l-aħħar ftit snin esperjenzjajt sapport inċessanti, kemm minn “ta’ ġewwa” u kemm minn min ma kellhom l-ebda obbligu li jagħtuh – sempliċement fehmu u qablu!

 Iżda x-xitan ma jaħmilx opra tajba u allura m’għandniex nistagħġbu li kellna naffrontaw ċerti problemi, anki inaspettati minn fejn waslu – intoppi li xorta komplew jixprunawna.

 Ma għandniex ħin biżżejjed għal listi ta’ ismijiet għal ringrazzjamenti; mela, nillimita ruħi billi kemm nirreferi għal tant li daħlu fl-iskema €150 agħmilhom Elf u individwi oħra, fosthom ħabrieka f’kumitati, u ministeri u istituzzjonijiet.

 Mit-twelid tal-Fondazzjoni Belt Victoria fl-1998, kellna diversi tappi essenzjali lejn it-23 ta’ Frar 2013; ngħidu aħna, l-akkwist tat-tielet propjetà biex jinħoloq spazju adegwat, il-permess tal-Mepa, il-kuntratt ma’ San Ġorġ dwar it-tmexxija tal-mużew u l-grant agreement mal-awtorità maniġerjali tal-Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew li pprovdielna 85% tal-biċċa l-kbira tal-ispejjeż – qrib miljun ewro li mingħajru lanqas timmaġina li tidħol għal proġett bħal dan.

 Proġett b’viżjoni ċara, imsejsa anki fuq sejħat pontifiċji.  Madwar firxa qawwija ta’ esibiti ta’ valur storiku u artistiku, nużaw mezzi mill-iktar moderni biex il-viżitaturi jkunu jistgħu japprezzaw aspetti tas-soċjetà li ħolqithom.  Il-proposta ERDF semmejnieha “The Making of a People” – u anki dawra mgħaġġla mal-mużew tasal bla sforz għall-konklużjoni li dak li aħna ssejjes fuq il-fidi, fuq id-din tal-ġnus li missejna magħhom.

 Is-sinsla prominenti li tgħaqqad is-sulari turi dan fuq idea oriġinali u b’realizzazjoni impressjonanti, li ma tagħmilx għajb għall-kollezzjoni ta’ pitturi, statwi, dokumenti u oġġetti oħra, li bdejna nirrestawrawhom ukoll.  Għandna tant li kien jew għadu jintuża għall-kult – verament kulturali fiż-żewġ sensi.  Għalkemm ma aħniex ristretti għall-kultwali biss, ftit hawn li tista’ timmaġinah miftum mill-għeruq reliġjużi, anzi Nsara.

 Barra swali tradizzjonali, għandna kmamar fejn tkun tista’ tagħżel xeni karatteristiċi u tisma’ l-ħsejjes ta’, ngħidu aħna, il-festa.  U, anki madwar l-esibiti stess, se noffru l-possibbiltà li interattivament taqra informazzjonijiet kuntestwali tal-opra li tkun quddiemha, lil hinn mill-ftit sentenzi stampati magħha.  Tajna attenzjoni għall-vetrini, bi klima kontrollata, u għall-aperturi.  Lanqas ittraskurajna aspetti ekoloġiċi.  Ħassejna li ma nistgħux ma nkunux state of the art!

 Bla vena poetika, l-ebda deskrizzjoni ma tkun xierqa għal IL-ĦAĠAR | HEART OF GOZO.  Bil-kelma Berbera nirreferu għal komunità formata minn binjiet mgħammra, waqt li għat-tieni parti tal-isem morna għall-ilsien internazzjonali ta’ żmienna, u b’sens doppju: ċentralità kemm ġeografika u kemm simbolika.

 Iva, dawk kollha li jżuruna rriduhom iħossu l-qalb tħabbat tal-identità tagħna – saħansitra anki l-barranin fosthom nimmiraw li joħorġu b’qalbhom tbaqbaq magħna!  Il-websajt li qed tinbena trid tgħin sew ukoll, kemm bi preparazzjoni għal żjara u kemm biex issaħħaħ l-esperjenza.  Fl-isforzi biex tingħata ħajja lil dawn in-naħat, riżorsi forsi ftit reqdin, Il-Ħaġar ma jistax jibqa’ statiku; se jkun proċess kontinwu – dejjem work in progress b’żidiet u bidliet, anki b’esibiti temporanji (imħabbra fis-sit elettroniku heartofgozo), hekk li l-ebda żjara ma tkun definittiva.

 Żgur intom fuq ix-xwiek li tibdew idduqu din l-esperjenza.  Allura b’ferħ u sodisfazzjon – anki f’isem kull min ta sehmu – nistieden issa lill-Onorevoli Prim Ministru biex jinawguralna IL-ĦAĠAR, frott ta’ tant sforzi biex din il-ħolma tagħna ssir realtà għal kulħadd.